Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea
Verifikazzjoni onlajn tal-edizzjoni elettronika ċertifikata
  1. EUROPA
  2. UE liġi kif ukoll pubblikazzjonijiet
  3. EUR-Lex
  4. CheckLex
  5. Mistoqsijiet Frekwenti

X'inhi CheckLex?

CheckLex hi applikazzjoni li tippermettilek tivverifika l-firma elettronika u l-karattru awtentiku ta' edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU-e). Jekk il-verifika tirnexxi, għandek il-garanzija li:

  • l-edizzjoni elettronika hi awtentika
  • ma ġietx mibdula mid-data tal-firma tagħha.

Il-verifika tista' ssir fi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Tista' tagħżel lingwa mil-lista li tinżel fin-naħa ta' fuq, fuq il-lemin tal-paġna.

Għaliex għandi bżonn ta' CheckLex?

B’effett mill-1 ta’ Lulju 2013, l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hi awtentika u tipproduċi effetti legali, skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013.

Il-ĠU-e għandu firma elettronika avvanzata biex tiġi żgurata l-awtentiċità, l-integrità u l-inalterabilità tiegħu, skont id-Direttiva 1999/93/EC.

Il-verżjoni stampata mhu se jibqa’ jkollha l-ebda valur legali, ħlief f'każijiet fejn – minħabba interruzzjoni mhux prevista u eċċezzjonali tas-sistemi tal-IT tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet – l-edizzjoni elettronika tal-ĠU ma tkunx tista' tiġi ppubblikata.

Ġurnal Uffiċjali – edizzjonijiet stampati b'effett legali

X'inhi firma elettronika?

Firma elettronika għandha l-istess funzjoni bħal firma mniżżla fuq dokument stampat. Dokument hu ffirmat elettronikament billi jinhemeż ċertifikat elettroniku miegħu.

Benefiċċji:

  • Kwalunkwe tibdil fid-dokument iffirmat hu identifikat, u dan ifisser li l-integrità tiegħu hi garantita.
  • Il-pubblikatur tad-dokument hu identifikat b'ċertezza, u l-awtentiċità tal-firmatarju elettroniku hi garantita.
  • Hu impossibbli għall-persuna jew l-organizzazzjoni li ffirmat id-dokument b'mod elettroniku li tiċħad li għamlet dan.

X'inhu ċertifikat elettroniku?

Bħall-passaporti jew il-karti tal-identità, iċ-ċertifikati elettroniċi jagħmluha possibbli li tivverifika li persuna jew organizzazzjoni hi dik li tgħid li hi. Ċertifikat hu fajl elettroniku bid-dejta personali tad-detentur taċ-ċertifikat:

  • l-identità tad-detentur
  • it-tul tal-validità taċ-ċertifikat
  • l-identità tal-awtorità tal-ħruġ taċ-ċertifikat
  • il-firma tal-awtorità tal-ħruġ taċ-ċertifikat
  • iċ-ċavetta pubblika tad-detentur, użata biex tivverifika l-firem magħmula mid-detentur.

X'inhi l-verifika ta' firma elettronika?

Il-verifika ta' firma elettronika hi metodu li jipprovdi li jkun hemm korrispondenza unika bejn edizzjoni PDF speċifika tal-ĠU u l-fajl tal-firma tiegħu.

Il-verifika tagħmilha possibbli li:

  • tiggarantixxi l-integrità tad-dokument.
  • tawtentika l-firmatarju tad-dokument (jekk il-firmatarju hu l-uniku detentur taċ-ċavetta tal-firma privata).
  • tivverifika ċ-ċertifikat tal-firmatarju elettroniku.

Fil-prattika, CheckLex tivverifika li:

  • il-"marka tas-swaba'" tal-PDF hi l-istess bħal dik indikata fil-firma.
  • il-firma nħarġet minn firmatarju affidabbli u awtorizzat.
  • il-fajl tal-firma ma ġiex iffalsifikat.

Jekk firma titqies valida, CheckLex juri d-data u l-ħin meta nħoloq il-fajl tal-firma.

X'inhuma r-rekwiżiti tekniċi biex nuża CheckLex?

Għandek bżonn ta' konnessjoni mal-Internet.

CheckLex hu kompatibbli ma' Internet Explorer 8, Mozilla Firefox 4 u mal-verżjonijiet iktar reċenti ta' dawn il-brawżers. X'aktarx li brawżers oħrajn iktar reċenti  jaħdmu wkoll, iżda ma ġewx ittestjati speċifikament.