X'inhi CheckLex?
CheckLex hi applikazzjoni li tippermettilek tivverifika l-firma elettronika u l-karattru awtentiku ta' edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU-e). Jekk il-verifika tirnexxi, għandek il-garanzija li:
- l-edizzjoni elettronika hi awtentika
- ma ġietx mibdula mid-data tal-firma tagħha.
Il-verifika tista' ssir fi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Tista' tagħżel lingwa mil-lista li tinżel fin-naħa ta' fuq, fuq il-lemin tal-paġna.
Għaliex għandi bżonn ta' CheckLex?
B’effett mill-1 ta’ Lulju 2013, l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hi awtentika u tipproduċi effetti legali, skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013.
Il-ĠU-e għandu firma elettronika avvanzata biex tiġi żgurata l-awtentiċità, l-integrità u l-inalterabilità tiegħu, skont id-Direttiva 1999/93/EC.
Il-verżjoni stampata mhu se jibqa’ jkollha l-ebda valur legali, ħlief f'każijiet fejn – minħabba interruzzjoni mhux prevista u eċċezzjonali tas-sistemi tal-IT tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet – l-edizzjoni elettronika tal-ĠU ma tkunx tista' tiġi ppubblikata.
Ġurnal Uffiċjali – edizzjonijiet stampati b'effett legali
X'inhi firma elettronika?
Firma elettronika għandha l-istess funzjoni bħal firma mniżżla fuq dokument stampat. Dokument hu ffirmat elettronikament billi jinhemeż ċertifikat elettroniku miegħu.
Benefiċċji:
- Kwalunkwe tibdil fid-dokument iffirmat hu identifikat, u dan ifisser li l-integrità tiegħu hi garantita.
- Il-pubblikatur tad-dokument hu identifikat b'ċertezza, u l-awtentiċità tal-firmatarju elettroniku hi garantita.
- Hu impossibbli għall-persuna jew l-organizzazzjoni li ffirmat id-dokument b'mod elettroniku li tiċħad li għamlet dan.
X'inhu ċertifikat elettroniku?
Bħall-passaporti jew il-karti tal-identità, iċ-ċertifikati elettroniċi jagħmluha possibbli li tivverifika li persuna jew organizzazzjoni hi dik li tgħid li hi. Ċertifikat hu fajl elettroniku bid-dejta personali tad-detentur taċ-ċertifikat:
- l-identità tad-detentur
- it-tul tal-validità taċ-ċertifikat
- l-identità tal-awtorità tal-ħruġ taċ-ċertifikat
- il-firma tal-awtorità tal-ħruġ taċ-ċertifikat
- iċ-ċavetta pubblika tad-detentur, użata biex tivverifika l-firem magħmula mid-detentur.
X'inhi l-verifika ta' firma elettronika?
Il-verifika ta' firma elettronika hi metodu li jipprovdi li jkun hemm korrispondenza unika bejn edizzjoni PDF speċifika tal-ĠU u l-fajl tal-firma tiegħu.
Il-verifika tagħmilha possibbli li:
- tiggarantixxi l-integrità tad-dokument.
- tawtentika l-firmatarju tad-dokument (jekk il-firmatarju hu l-uniku detentur taċ-ċavetta tal-firma privata).
- tivverifika ċ-ċertifikat tal-firmatarju elettroniku.
Fil-prattika, CheckLex tivverifika li:
- il-"marka tas-swaba'" tal-PDF hi l-istess bħal dik indikata fil-firma.
- il-firma nħarġet minn firmatarju affidabbli u awtorizzat.
- il-fajl tal-firma ma ġiex iffalsifikat.
Jekk firma titqies valida, CheckLex juri d-data u l-ħin meta nħoloq il-fajl tal-firma.
X'inhuma r-rekwiżiti tekniċi biex nuża CheckLex?
Għandek bżonn ta' konnessjoni mal-Internet.
CheckLex hu kompatibbli ma' Internet Explorer 8, Mozilla Firefox 4 u mal-verżjonijiet iktar reċenti ta' dawn il-brawżers. X'aktarx li brawżers oħrajn iktar reċenti jaħdmu wkoll, iżda ma ġewx ittestjati speċifikament.